“Aħna qegħdin hawn biex nibnu soċjetà aktar ġusta u ħanina, biex insewwu l-inġustizzji u biex ma nħallux inġustizzji ġodda jiżviluppaw.”
Kien b’dan il-mod t’empatija, li l-Prim Ministru Robert Abela beda d-diskors tiegħu fil-Parlament hekk kif kompliet id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jitratta l-użu responsabbli tal-kannabis.
Fil-fatt, il-Prim Ministru tenna li llum qed tiġi diskussa din il-liġi wara li l-Partit Laburista u l-Gvern elevaw din id-diskussjoni fuq livell nazzjonali. Dan anke permezz tat-tnedija ta’ White Paper li rat kontribuzzjoni qawwija ta’ 350 persuna, entitajiet u assoċjazzjonijiet li kollha qalu tagħhom dwar din il-liġi.
Kulħadd apparti l-Oppożizzjoni pparteċipa, hekk kif Dr Abela fakkar kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech lanqas biss kien jaf li kien hemm White Paper dwar din il-liġi.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif il-liġi preżenti pperikolat il-futur ta’ eluf ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin: “Niftakar ġenituri li jixħtulek anke bħal avukat, il-piż tar-responsabbiltà u jgħidulek li l-futur tat-tifel jew tat-tifla f’idejk. Għalhekk illum qed nagħmlu din il-bidla, għalhekk issa trid issir din il-liġi.”
Dr Abela kompla jispjega kif il-Gvern sema’ anke lil dawk li kienu kontra din il-liġi sabiex isawwar liġi b’saħħitha. Dan fost oħrajn bit-twaqqif ta’ Awtorità li tkun responsabbli mir-reġistrazzjoni u l-permessi ta’ kull organizzazzjoni li jikkultivaw u jqassmu l-Kannabis.
Huwa rrimarka wkoll kif din il-liġi se tkompli ssaħħaħ lill-pajjiżna fil-ġlieda tiegħu kontra t-traffikar ta’ droga sabiex tikkumplimenta l-ħidma kbira li saret kontra t-traffikar tad-droga mill-Pulizija u d-Dipartiment tad-Dwana fost oħrajn fl-aħħar snin.
Intant il-Prim Ministru fakkar fil-punti prinċipali li tinkludi fi ħdanha din il-liġi fosthom li persuni ta’ 18-il sena jew aktar jista’ jkollhom fuqhom sa seba’ grammi għall-użu personali tagħhom.
Min jinqabad madankollu b’iktar minn seba’ grammi u inqas minn 28 gramma se jkun hemm lok li jkun espost għall-proċeduri quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja fi Tribunal Lokali u mhux il-Qorti.
Hawnhekk il-pieni hi limitata għal ħlas.
Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza wkoll il-kwistjoni tax-xiri tal-Kannabis taħt din il-liġi l-ġdida hekk kif se jkunu permessi l-kultivazzjoni fir-residenzi sa mhux aktar minn erba’ pjanti u l-assoċjazzjonijiet li jikkultivaw u jqassmu l-Kannabis lill-membri tagħhom mingħajr profitti.
Huwa sostna: “Sa seba’ grammi jista’ jkollok, imma l-unika mod kif ikollok is-seba’ grammi huwa billi tmur fis-suq illegali, billi tmur għand it-traffikant, għand il-pusher, li l-attività tagħhom se tibqa’ illegali bl-istess mod li hija llum. Mela aħna l-attività tas-suq illegali tat-traffikanti tad-drogi se tibqa’ illegali u punibbli b’pieni ħorox, kif inhi llum.”
Dr Robert Abela fakkar ukoll li fl-istess ħin se titnieda l-akbar kampanja kontra l-vizzji li qatt saret fl-aħħar snin.
Il-Prim Ministru indirizza wkoll il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni: “X’kien il-bottom line ta’ dak li qalu. Li l-pajjiż, li Malta u Għawdex tagħna ma jistgħux jafda Kap tal-Oppożizzjoni b’nuqqas ta’ sens ta’ leadership u partit maqsum imexxi lill-pajjiż. Immaġina Sur President, li din ir-riforma tal-lum kienet qed tmexxiha l-Oppożizzjoni. Immaġina aktar minn hekk forsi Sur President, immaġinaw kieku l-Oppożizzjoni tal-lum qiegħda fuq in-naħa tagħna tmexxi l-pajjiż, u trid tiġi fdata tmexxi l-ekonomija tal-pajjiż, f’mument daqstant importanti.”
Fil-konklużjoni tiegħu, b’referenza għall-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-bidla faċli tippriedka fuqha madankollu li jgħodd hu li verament twettaqha.
Tenna li biex twettaq il-bidla trid il-kuraġġ u dan hu li qed juri dan il-Gvern: “Ir-relazzjoni sinċiera li għandna mal-poplu Malti żammejnieha quddiem għajnejna qabel fassalna din il-liġi u se tibqa’ ċentrali, din ir-relazzjoni t’onestà u ġenwinità man-nies f’kull bidla oħra, tkun xi tkun li rridu nġibu f’pajjiżna. Sur President, aħna rridu li jkollna Malta li tagħder u mhux li tikkundanna lin-nies. Aħna rridu Malta li tkun aktar ġusta, Malta li tkun aktar ħanina, Malta fejn is-sens ta’ ġustizzja tirrenja għaliex nemmen li b’hekk verament nistgħu nitkellmu dwar Malta u Għawdex aħjar li rridu għal uliedna.”