Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tiegħu u tal-Gvern li jibqgħu jinħolqu l-opportunitajiet filwaqt li tkun inċentivata l-bżulija.
Huwa kien qed jitkellem f’kuntest li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kien hawn inqas persuni li kellhom iduru fuq l-assistenza soċjali mis-sena ta’ qabel, meta wkoll kien irreġistrat tnaqqis kbir.
Il-Mexxej Laburista spjega kif dan it-tnaqqis jistona bil-kbir mas-sitwazzjoni tal-kriżi ekonomika ta’ wara l-2008, meta kien hemm żieda ta’ kważi disa’ mitt persuna fuq l-assistenza soċjali.
Dr Abela stqarr: “Illum, filwaqt li jonqsu n-nies dipendenti fuq l-assistenza soċjali, aħna nżidu n-nefqa soċjali fl-oqsma fejn jeħtieġ li nsaħħu s-sostenn fost l-oħrajn insemmi l-inwork benefit biex ninċentivaw il-bżulija, il-pensjonijiet u nsostnu persuni li għandhom diżabilità.”
Il-Prim Ministru qal li l-ġlieda biex jonqos il-faqar tibqa’ prijorità, u elenka diversi għajnuniet li ngħataw f’sena u nofs ta’ pandemija.
Fakkar kif b’differenza, fl-2008, il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien naqqas l-assistena lill-familji u ħalla lill-anzjani waħedhom.
Huwa tenna: “Din is-sena mhux biss se ninvestu aktar mill-biljun ewro tas-sena li għaddiet f’dan is-settur iżda anki fil-budget li jmiss irridu nibqgħu nwieżnu lil dawk l-aktar li għandhom bżonn sostenn għax aħna nemmnu li dan mhux spiża iżda investiment li jrendi għad-dinjità tal-persuni u għall-pajjiż.”
Il-Prim Ministru temm jgħid kif in-nies jafu li dan il-Gvern għandu prijoritajiet tajbin u ma’ Gvern Laburista, kulħadd jaf fejn qiegħed.
Huwa stqarr: “In-nies għalhekk jappoġġjawh lil dan il-Gvern għax huwa Gvern li joħloq l-opportunitajiet u jinċentiva l-bżulija. In-nies jafu li dan il-Gvern għandu l-prijoritajiet tajbin u għalhekk jibqgħu magħna għax fis-skiet ta’ djarhom, meta janalizzaw x’jaqbillu l-pajjiż, iqabblu t-tmexxija tal-lum ma’ dik ta’ qabel l-elfejn u tlettax u jqabblu l-Gvern mal-Oppożizzjoni. Magħna jafu fejn qegħdin. Kif dejjem insostni, bażi ekonomika b’saħħitha biex jinħoloq il-ġid u nqassmuh kif jixraq għall-ġid tas-soċjetà kollha.”