F’intervent telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar tliet temi prinċipali li ddominaw l-aħbarijiet fl-aħħar jiem: l-elezzjoni ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista, il-bżonn ta’ aktar nisa fil-politika, u l-liġi storika dwar żwieġ indaqs għal kulħadd.
Il-Prim Ministru awgura lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għall-ħatra tiegħu bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista u allura Deputat Prim Ministru. Qal li jħares ’il quddiem biex wara li fis-sigħat li ġejjin jieħu l-ħatra tiegħu f’kariga li fl-aħħar snin kien qed jokkupa Louis Grech, jaħdem id f’id miegħu għal aktar ġid għal pajjiżna.
Innota li r-riżultati kienu viċin ħafna, u rringrazzja lill-Ministri Helena Dalli u Edward Scicluna għall-kampanji tagħhom.
Reġa tenna li d-delegati Laburisti kellhom għażla bejn tliet kandidati “bi kwalitajiet eċċezzjonali”. Fi kliem ieħor, kienu “spoilt for choice”. Irringrazzja lid-delegati tal-vot ta’ fiduċja li wrew fih, biex issa b’tim magħqud miegħu, jwettqu aktar bidliet fl-interess tal-pajjiż.
Hanwhekk semma l-bżonn ta’ aktar nisa fil-politika, li madwaru kienet ibbażata l-Konfereza Straordinarja tal-Partit Laburista il-Ġimgħa, bit-tħabbira ta’ pjan ambizzjuż mifrux fuq 10 snin li għandu jwassal biex fis-snin li ġejjin, tal-inqas nofs il-kandidati tal-Partit Laburista jkunu nisa.
Bl-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli fit-tmun tat-tmexxija ta’ dan il-pjan, il-Prim Ministru jinsab ottimist li n-nisa li se jkunu mħeġġa jidħlu fil-politika jingħataw l-għajnuna u dak kollu li jkollhom bżonn biex ikunu preparati għal din il-“qabża kbira”.
Il-Prim Ministru nnota li sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, se jseħħu żewġ bidliet: l-introduzzjoni tal-kwoti, u l-vot taż-żgħażagħ ta’ 16 –il sena. Tenna li l-pajjiż irid ikun lest għal din il-bidla fil-kultura, u għalhekk hemm bżonn li l-ħidma għaliha tibda minn issa.
Joseph Muscat tkellem ukoll dwar il-jum storiku li kellu pajjiżna din il-ġimgħa, meta għaddiet il-liġi dwar żwieġ indaqs għal kulħadd. Iddeskriva dan il-jum bħala sinjal ta’ tama għall-minoranzi f’pajjiżna.