Matul l-2021, kien hemm tletin talba mad-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku biex ismijiet Maltin jiġu emendati b’ittri bil-Malti.
Dan wara li fl-aħħar tas-sena ta’ qabel, daħlu fis-seħħ emendi legali b’rabta mal-użu tat-tipa Maltija fl-ismijiet.
Dan ħareġ fi statistika tal-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta, li turi wkoll li l-aktar ismijiet popolari Maltin, kienu Ġużè u Ġanni għas-subien u Eliża u Luċija għall-bniet.
Matul is-sena li għaddiet, fl-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku ġew irreġistrati 4,164 tarbija, li minnhom 2,123 kienu subien u 2,040 kienu bniet. Kien hemm tarbija waħda li ġiet irreġistrata bħala X, jiġifieri bla ġeneru.
L-aktar ħames ismijiet popolari għas-subien kienu Matteo, Luca, Noah, Adam u Jake, filwaqt li għall-bniet kienu Emma, Mia, Ella, Valentina u Emily.
Fejn jidħlu l-imwiet, is-sena l-oħra ġew irreġistrati 3,699, li minnhom, 1,845 kienu rġiel u 1,854 kienu nisa.
Iċ-ċifri juru wkoll li ż-żwiġijiet lokali li ġew irreġistrati s-sena l-oħra kienu ftit inqas minn 2,000.
F’pandemija, ir-Reġistru taż-Żwiġijiet kompla jgħin lill-koppji li pposponew iż-żwieġ.
Fil-fatt, is-sena l-oħra ġew mgħejjuna kważi 150 koppja li ddeċidew li jibdlu l-ġurnata taż-żwieġ tagħhom.
Il-Kap tat-Taqsima responsabbli mill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku, is-Sur Vincent Sladden, spjega ma’ dan l-istazzjon li s-sena l-oħra, l-uffiċċju ħareġ aktar minn tmienja u sittin elf ċertifikat ta’ twelid, żwieġ u mewt.
“Fejn jiġi għal reġistru, jew biex inkun preċiż, tat-twelid u mewt, minbarra l-uffiċċju ta’ Mater Dei f’każ ta’ twelid, dan jista’ jsir online mill-website tal-identità ta’ Malta kif ukoll bil-posta. F’każ ta’ mewt, hemm diversi djar tal-anzjani li joffru dan is-servizz lil min tilef xi qarib.”
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, innota li s-sena li għaddiet kienet waħda impenjattiva għall-aġenżija Identity Malta li tinbidel u tadatta maż-żminijiet.
“Jien kuntent biss li għandi numru ta’ familji li jagħżlu dawn l-ismijiet. Għandek numru ta’ familji li diġà semmew ismijiet bil-Malti u issa rranġaw anke għall-punteġġjatura f’isem it-tfal tagħhom.”