Ġuvni ta’ 15-il sena mis-Siġġiewi weġġa’ gravi wara li ntlaqat minn karozza fis-Siġġiewi.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-10.00 ta’ filgħaxija fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u hemmhekk irriżulta li kien seħħ incident.
Il-ġuvni, li kien qed isuq skateboard, intlaqat minn karozza tal-għamla Volkswagen Golf li kienet qed tinstaq minn ġuvni ta’ 18-il sena mill-Ħamrun.
Il-ġuvni li kien qed isuq l-iskateboard ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
U f’inċident separat aktar qabel, Taljana ta’ 23 sena weġġgħat gravi wara li wkoll intlaqtet minn karozza fl-Imsida.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-19.15 fi Triq C. De Brocktorff.
Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li għal xi raġuni, karozza tal-għamla Mazda, li kienet ipparkjata, mxiet minn posta u laqtet peruna.
Il-vittma ngħatat l-ewwel għajnuna fuq il-post u wara ttieħdet l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar iż-żewġ każijiet għadhom għaddejjin.