Ġuvni taħt l-età nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li hedded lis-sieħba ta’ missieru b’ħarpun.
L-akkużat, li għandu 16-il sena u ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, ġie akkuzzat li is-Sibt f’Ħaż-Żabbar uża arma waqt argument familjari li fih kien involut missieru, is-sieħba ta’ missieru, u binha żgħir.
Allegatament qabad arma kontra s-sieħba ta’ missieru, u ipponta ħarpun tas-sajd lejha, u li weġġagħha ħafif.
Ġie akkużat ukoll li żamm lis-sieħba ta’ missieru u lil binha ta’ 4 snin kontra l-volontà tagħhom u li is-sibt u fix-xhur ta’ qabel hedded lil missieru u lill-istess mara.
Il-Maġistrat Simone Grech, semgħet lill-Avukat tal-għajnuna legali Fransina Abela, tgħid li l-argument inqala’ bejn il-ġuvni u missieru, għax il-ġuvni ried imur jgħix waħdu. Qalet li l-akkużat ibati mill-kundizzjoni tal-ADHD, li qatt ma ngħata kura għaliha.
L-Avukat qalet li l-ġuvni għandu impjieg u ommu lesta li żżommu magħha.
Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Eman Hayman, oġġezzjonat, u għax argumenta li l-akkuzzat mhux l-ewwel darba li infexx f’theddid.