Raġel ta’ 29 sena intbagħat fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin wara li tressaq il-Qorti akkużat li kiser il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest mgħotija lilu f’każ separat u li għalih tressaq il-Qorti f’Awwissu tas-sena li għaddiet.
Mohamed Al Khelfawi naqas milli jmur jiffirma fl-Għassa ta’ Birkirkara kif kien ġie ordnat lilu mill-Qorti. Dan in-nuqqas ġie nnotat għal diversi drabi fejn saħansitra wassal sabiex il-pulizija marret tfixtu fil-post fejn kien għamel żmien jirresjedi fid-Dar Papa Franġisku f’Birkirkara; madanakollu kien kollu ta’ xejn għal fatt li l-imputat kien ilu telaq mill-imsemmi post.
Il-pulizija rnexxiela ssib lill-imputat wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kellu argument mal-ex sieħba tiegħu f’Għawdex bil-konsegwenza li spiċċa arrestat mill-pulizija ta’ Għawdex stess.
Ir-raġel kien rapreżentat minn avukat tal-għajnuna legali wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest. Dwar dan, il-Qorti ma laqgħetx it-talba tad-difiża dan hekk kif hija ma kienitx konvinta li l-imputat ser jidher għas-seduti li ser jiġu ffissati fiż-żmein li ġej. Għaldaqstant, il-qorti talbet lid-Direttur tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin sabiex l-imputat jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa.