Ġuvni ta’ 27 sena qed isofri minn ġrieħi gravi wara li seħħet splużjoni f’generator fl-Imrieħel.
L-inċident seħħ illum, għall-ħabta tal-erbgħa ta ’ waranofsinhar f’show room privata li tinsab fl-inħawi tal-bypass tal-Imrieħel.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Ħal Qormi marru minnufih fuq il-post u minn stħar riġ preliminari li sar, irriżulta li żewġt irġiel, Malti ta’ 27 sena u Franċiż ta’ 22 sena sofrew xi ġrieħi waqt li kienu qed jagħmlu xi xogħol fuq generator li jinsab fuq il-bejt tal-istess showroom. Jidher, li għal xi raġuni seħħet splużjoni fl-istess generator bil-konsegwenza li l-ħaddiema weġġgħu.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittmi l-Isptar Mater Dei għall-kura neċessarja. Iktar tard, ir-raġel ta’ 27 sena li joqgħod Ħal Tarxien ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-Franċiż, jidher, li rrifjuta l-assistenza medika.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.