Charlston Cassar ta’ 26 sena minn Bormla ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat b’pussess aggravat tad-droga. Il-każ beda f’Settembru li għadda meta l-pulizija għamlet sejba ta’ droga u oġġetti assoċjati mat-traffikar f’kantina fi sqaq f’Bormla.
Wara li l-pulizija kienet tat il-ħelsien mill-arrest sakemm tkompli bl-investigazzjonijiet hija ressqet lill-akkużat bl-arrest wara li waslu r-riżultati tad-DNA. Ir-riżultati wrew li nstabet id-DNA tal-akkużat fuq sikkina li kienet tintuża sabiex titlesta d-droga.
Id-difiża mmexxija mill-avukat Franco Debono u Alfred Abela, kkontestat l-arrest filwaqt li wieġbet mhux ħati għall-akkużat. Il-Qorti għażlet li tikkonvalida l-arrest.
Id-difiża talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest minħabba li saħqet li l-akkużat ma setgħax jintralċja l-provi xjentifiċi. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Anthony Scerri saħaq li fil-ħin li ġej mistennija jsiru iżjed arresti ta’ persuni qrib l-imputat.
Wara li l-Qorti rat il-gravità tal-akkużi u l-fedina penali tal-akkużat, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ma tatx il-ħelsien mill-arrest.