Ġuvni Belġjan ta’ 22 sena sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident f’Baħar iċ-Ċagħaq il-Ħamis fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.
Minn stħarriġ preliminari tal-pulizija rriżulta li l-Belġjan li joqgħod San Pawl il-Baħar tilef il-kontroll tar-rota li kien qed isuq fi Triq Tul il-Kosta u waqa.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadu lill-persuna involuta fl-inċident l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa u iktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.