Ġuvni ta’ 19-il sena mill-Mosta miet, filwaqt li ġuvni ta’ 18-il sena mill-Mosta wkoll jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ xil-11:15 tal-Ġimgħa filgħaxija fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr.
Il-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta u tar-Rapid Intervention Unit marru fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li karozza tal-għamla Toyota, misjuqa mill-ġuvni ta’ 19-il sena u li miegħu kellu l-ġuvni ta’ 18-il sena ħabtet ma’ vann tal-għamla Mitsubishi misjuqa minn raġel ta’ 35 sena mill-Imġarr.
Iż-żgħażagħ kienu sejrin fid-direzzjoni lejn il-Mosta filwaqt li r-raġel kien isuq fid-direzzjoni lejn l-Imġarr.
Kawża tal-ħabta qawwija, fuq il-post issejħu wkoll il-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex joħorġu liż-żewġ żgħażagħ minn ġol-karozza. Filwaqt, li tim mediku tal-Emerġenza mill-Isptar Mater Dei taw l-ewwel għajnuna.
It-tliet persuni involuti fl-inċident ittieħdu l-isptar għal aktar kura, iżda b’xorti ħażina, il-ġuvni ta’ 19-il sena miet ftit wara kważa tal-ġrieħi li ġarrab. Il-ġuvni ta’ 18-il sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. Il-kundizzjoni tas-sewwieq ta’ 35 sena għadha mhix magħrufa.
Il-Maġistrat tal-Għassa Marseann Farrugia ġiet informata bl-inċident u ħatret inkjesta.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/11/14/alan-galea-huwa-l-guvni-ta-19-il-sena-li-tilef-hajtu-fincident-tat-traffiku-fl-imgarr/