Ġuvni ta’ 19-il sena ġie arrestat mumenti wara li allegatament wettaq hold-up f’ħanut tal-ikel. Il-każ seħħ fit-30 ta’ Marzu, fi Triq San Bartolomew, Ħal Qormi.
Il-Pulizija tad-Distrett u tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li impjegat ta’ 34 sena ġie avviċinat minn raġel, allegatament armat b’arma bil-ponta u talbu l-flus.
L-allegat ħalliel ħarab minn fuq il-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti.
Minn aktar stħarriġ, il-Pulizija rnexxielha tidentifika lill-allegat ħalliel u bdiet tfittxija għalih. Huwa ġie arrestat ftit ħin wara f’residenza f’Tas-Sliema.
Il-ġuvni mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tan-12:30pm quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, fost oħrajn.