Ġuvni ta’ 18-il sena mill-Ħamrun jinsab fil-periklu tal-mewt, waqt li tfajla ta’ 22 sena minn Ħ’Attard u ġuvni ta’ 21 sena minn Ħaż-Żebbuġ qed isofru ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku fis-Siġġiewi.
L-inċident seħħ il-Ħamis filgħaxija għall-ħabta ta’ nofsillejl neqsin kwart fi Triq il-Wied is-Siġġiewi, meta ġuvni ta’ 23 sena minn San Ġwann tilef il-kontroll tal-karozza Mazda Demio li kien qiegħed isuq u ħabat ġo ħajt.
Fuq il-post marru membri mill-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li fetaħ Inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.