Waqt li kienet għaddejja l-attività dwar it-twaqqif tal-Fondazzjoni Simon Schembri, sar magħruf li tard ilbieraħ filgħaxija ġuvni ta’ 17-il sena minn Birkirkara ġie arrestat mill-Pulizija wara li pprova jsuq fuq membru tal-Pulizija.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-22.30, meta waqt ronda minn uffiċjal tar-Rapid Intervention Unit fl-inħawi ta’ Ħal Kirkop, innotaw karozza tal-għamla Nissan March li kienet ġiet irrapportata misruqa aktar kmieni matul il-jum fi Triq il-Kunċizzjoni, l-Imsida.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-uffiċjali tal-pulizija pprovaw iwaqqfu liż-żagħżugħ iżda s-sewwieq allegatament ipprova jsuq fuq membru tal-pulizija.
Fortunatament ma laqtux u ħarab minn fuq il-post.
Minnufih, il-Pulizija saqu għal wara x-xufier u dan ġie arrestat ftit tal-ħin wara.
Minn investigazzjonijiet preliminari li saru, irriżulta li x-xufier kien fil-kumpanija ta’ tfajla li laħqet telqet minn fuq il-post iżda ġiet arrestata iżjed tard.
Nifhmu li ż-żagħżugħ Karkariż mistenni jitressaq il-qorti u jiġi mixli li saq bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni u li pprova jtajjar kuntistabbli waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Ritratt: Arkivji