Ġuvni ta’ 16-il sena minn Bormla nħeles mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li ta daqqiet ta’ sikkina lil żewġt irġiel waqt argument.
Iż-żagħżugħ, li ma jistax jissemma ismu minħabba raġunijiet legali, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli akkużat li kkawża ġrieħi gravi lil żewġ persuni.
L-Ispetturi Josric Mifsud u Jeffrey Scicluna akkużaw liż-żagħżugħ li kien qed iġorr arma mingħajr liċenzja, li hedded liż-żewġt irġiel u li kiser il-paċi pubblika fost oħrajn.
Kienu diversi persuni bejn l-etajiet ta’ 16-il sena u 43 sena li ndarbu waqt argument li seħħ it-Tlieta filgħaxija fi Triq Erin Serracino Inglott. Il-Pulizija qalu li seba’ persuni kienu involuti f’argument li beda minn Misraħ Santa MArgerita u spiċċa fi Triq Erin Serracino Inglott.
Iż-żewġt irġiel, wieħed ta’ 73 sena u ieħor ta’ 17-il sena, ittieħdu l-isptar fejn ngħataw il-kura meħtieġa għal ġrieħi ħfief filwaqt li mara ta’ 43 sena u ġuvni ta’ 16-il sena ttieħdu ċ-ċentru tas-saħħa fil-Furjana. Aktar tard ġie ċċertifikat li l-mara qed issofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-ġuvni sofra ġrieħi gravi.
Il-Pulizija sabu żewġt iskieken u lembuba li allegatament intużaw waqt dan l-argument.
L-avuakti Franco Debono u Marion Camilleri rrispondew mhux ħatja għall-akkużat fejn talbu għall-ħelsien mill-arrest. It-talba ġiet milqugħa mill-Qorti b’garanzija personali ta’ €7,000 u ġie ordnat jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-eqreb Għassa. Hu se jkun qed jgħix ma’ nanntu filwaqt li ġie pprojbit li jmur Bormla sakemm jintemmu l-proċeduri.