Ġuvni ta’ sittax-il sena weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Bormla. Kien għall-ħabta tal-ħdax u nofs tal-Ġimgħa filgħaxija xħin il-pulizija rċeviet talba biex tassisti wara li seħħ inċident fi Triq San Pawl f’Bormla.
L-inċident seħħ wara li raġel ta’ 40 sena li jgħix Raħal Ġdid tilef il-kontroll tal-vettura tal-għamla Toyota Corsa u ħabat ġo ħames vetturi li kienu pparkjati. Ir-raġel weġġa’ ħafif madankollu ġuvni li kien passiġġier fil-karozza weġġa’ gravi.
Fuq il-post intalbet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-isptar Mater Dei li ta l-ewwel għajnuna. Il-persuni involuti ttieħdu l-isptar permezz ta’ ambulanza.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.