Ġuvni ta’ 19-il sena qed isofri ġrieħi serji wara li waqa’ f’shaft, għoli ta’ madwar ħames sulari.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ dalgħodu ġo sit ta’ kostruzzjoni fl-inħawi ta’ Triq ir-Ramla, fil-Mellieħa.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li żewġ ġuvintur ta’ 18 u 19-il sena mill-Awstrija kienu daħlu fis-sit. Waqt li kienu fuq il-bejt wieħed minnhom, il-ġuvni ta’ 19-il sena waqa’ f’shaft.
Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.