Malti mistenni jitressaq il-Qorti għada filgħodu mixli bi traffikar tad-droga kokaina, eroina, u tal-pjanta kannabis. Dan b’rabta mar-rejd li sar ilbieraħ mill-Pulizija tal-iSpecial Operations Unit fi Triq il-Vittmi tal-Gwerra, Birkirkara.
14-il persuna kienu arrestat f’din l-operazzjoni.
Il-każ seħħ għal ħabta tad-09:15 fi Triq il-Vittmi tal-Gwerra fis-Swatar hekk kif il-Pulizija fil-ġimgħat li għaddew rċeviet diversi rapporti ta’ attività relatata ma’ droga fl-inħawi.Uffiċjali mit-Taqsima tal-Operazzjonijiet Speċjali flimkien mal-Iskwadra ta’ kontra d-droga, waslu fuq il-post. Madankollu tistennihom sabu karozza tat-tip Peugot 107 tostakola l-entratura għall-maħżen.
Kien hemmhekk li l-uffiċjali daru mal-karozza u qandluha sabiex joħolqu iktar spazzju għal waqt l-assalt.
F’filmat meħud minn persuni fil-viċinanzi jidher ukoll kif wieħed mill-uffiċjali qabad injama twila u kisser l-kameras tas-sigurtà li kienu qed jiġbdu l-filmat fuq l-entratura tal-maħżen.
Bil-bieb sgassat, l-uffiċjali b’ilbies protettiv u l-balaklavi daħlu u ħadu kontroll tas-sitwazzjoni.
Hemmek huwa mifhum li saru l-arresti b’dawk arrestati jammontaw għal 14-il persuna b’ ħafna minnhom ikunu Maltin.
Fost dawk arrestati huwa mifhum li hemm ukoll persuni Taljani u Ingliżi.
Fil-preżenza tal-ġurnalisti, ġie arrestat ukoll raġel li donnu ma ndunax bl-operazzjoni li kienet qed issir, u minkejja ż-żona miżgħuda b’Uffiċjali minn tliet korpi differenti tal-Pulizija, huwa baqa’ jsuq għal quddiem il-maħżen. Kien hemmhekk li l-uffiċjali waqfuh, u wara spezzjoni fil-vettura tiegħu, huwa ġie arrestat għal aktar stħarriġ.
Preżenti fuq il-post, bosta Uffiċjali mit-Taqsima tal-Forensika dehru wkoll jelevaw il-kameras imkissrin minn mal-entratura għal iktar stħarriġ.
L-operazzjoni ħadet it-tul hekk kif kienu għal ħabta tas-13:30 li l-aħħar arrestat iddaħħal f’karozza tal-Pulizija u ttieħed minn fuq il-post.
Diversi residenti, li wkoll assistew għal dan ir-rejd, spjegaw kif qatt ma raw operazzjoni ta’ dan it-tip, b’ħafna minnhom jiddeskrivuha bħala xena minn xi film.
Sorsi qrib ONE News qalu wkoll li l-pjanijiet għal din ir-rejd ħadu żmien twil hekk kif kien hemm bżonn ukoll ħin twil ta’ sorveljanza. Intant il-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli ġiet infurmata bl-investigazzjoni u ordnat li ssir inkjesta.
L-investigazzjonijiet rigward dan il-każ għadhom għaddejin.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2018/10/25/seba-persuni-arrestati-waqt-rejd-fbirkirkara-6/