Ġuvni ta’ 22 sena minn Ħaż-Żebbuġ weġġa’ gravi wara li kien invlut f’inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-9.45 tal-bieraħ filgħaxija fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Renault Megan Classic, misjuqa mill-vitma u Toyota Dyna, misjuq minn raġel ta’ 25 sena li wkoll joqgħod Ħaż-Żebbuġ. Fir-Renault, kien hemm ukoll żewġ passiġġiera, ġuvni ta’ 19-il sena miż-Żurrieq u tfajla ta’ 18-il sena minn Ħaż-Żebbuġ.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu. Il-ġuvni ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Ritratti : Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta