Wayne Camilleri għadu kemm kiteb teżi tal-Baċellerat fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta, li titratta t-tliet rumanzi polizjeski ta’ Pawlu Xuereb fis-snin sittin: Il-Każ tat-Tfajla Maħruqa, Is-Serqa ta’ Nicolas Cotoner, u Qtil f’San Pawl il-Baħar.
Camilleri ltaqa’ mal-armla ta’ Xuereb, u ppreżentalha din it-teżi.
Preżenti wkoll kien hemm il-Professur Adrian Grima li kien ħajjar lil Wayne biex jiffoka fuq it-triloġija ta’ Xuereb u mexxieh matul il-proċess tal-qari u l-kitba tat-teżi.
Wayne spjega lis-Sinjura Xuereb li dawn it-tliet rumanzi ta’ Xuereb għandna iżjed inqisuhom bħala “rumanzi polizjeski”.
Il-karattru ewlieni fit-tliet kotba huwa Tarcy Saydon, suprintendent assenjat bħala ditektiv fil-korp tal-pulizija li jinvestiga l-każijiet li jkollu quddiemu, kemm jekk huma fuq qtil bħal fil-każ ta’ Il-Każ tat-Tfajla Maħruqa u Qtil f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll jekk huma fuq serq, bħal fil-każ ta’ Is-Serqa ta’ Nicolas Cotoner.
Bil-kontra tal-ġeneru tad-ditektivs, fil-polizjesk, inkluż fil-polizjesk ta’ Xuereb, id-ditektiv jeħtieġ l-għajnuna tal-membri tal-korp tiegħu sabiex b’hekk ir-rumanzi jkun fihom element kbir ta’ Realiżmu, element li jingħata prominenza f’dan is-sottoġeneru.
Fil-fatt, f’Is-Serqa ta’ Nicolas Cotoner, Xuereb jgħid li dan ir-rumanz partikolari “hu bbażat fuq aħbar li kienet dehret fil-ġurnali Maltin tat-18 u d-19 ta’ Jannar, 1966.”
Għaldaqstant, barra storja essenzjalment polizjeska, ir-rumanzi ta’ Xuereb joffru wkoll stampa tal-qagħda ta’ Malta f’dawk iż-żminijiet, kemm minn aspett ta’ lingwaġġ, kif ukoll b’rabta ma’ kwistjonijiet soċjali.
Għal dil-laqgħa attenda wkoll Mro Dominic Galea, li kien hu li issuġġerixxa lil SKS tesplora l-possibiltà li tippubblika mill-ġdid dawn it-tliet kotba.
Ara min kien Paul Xuereb: