Ġuvni ta’ 22 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku bil-mutur fil-limiti tax-Xewkija.
L-inċident seħħ illum għalll-ħabta tal-ħamsa u kwart fi Triq l-Imġarr limiti tax-Xewkija, Għawdex.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li seħħ impatt bejn vettura tat-tip Mitsubishi Pajero misjuqa minn raġel ta’ 66 sena residenti n-Nadur u mutur tat-tip Yamaha misjuq minn ġuvni ta’ 22 sena residenti l-Għarb.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ħelikopter sabiex ikompli jingħata l-kura meħtieġa.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr J Vella Cuschieri LL.D, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.