Ġuvni ta’ 27 sena, resident Raħal Ġdid tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Reġjonali, direzzjoni lejn San Ġiljan, għall-ħabta tad- 2130hrs tal-Ħadd filgħaxija..
Minn investigazzjonijiet preliminari li saru mill-Pulizija tad-Distrett tal-Imsida, jidher li għal xi raġuni l-ġuvni li kien qed isuq mutur tat-tip Honda CB, tilef il-kontroll u baqa’ dieħel ġo ħajt. Passiġġiera fuq l-istess mutur kien hemm tfajla ta’ 24 sena, residenti r-Rabat.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħa lit-tfajla l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iżjed tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu li titlef ħajjitha.
Sfortunatament is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġie infurmat ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Dr Anthony Vella LLD li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.