Axel Vella ta’ 23 sena mill-Isla nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li fost oħrajn qered l-evidenza qabel daħlu l-Pulizija waqt rejd li sar f’Birkirkara.
Vella hu l-unika persuna li tressaq il-Qorti fost l-14-il persuna arrestata f’operazzjoni mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga li saret il-Ħamis li għadda. Vella ġie akkużat mill-Ispetturi Anthony Scerri u Frank Anthony Tabone li żamm u mexxa d-droga kokaina u eroina, li ttraffika il-pjanta Kannabis, flimkien mall-akkuża li fl-istess data tal-operazzjoni qered it-traċċi u evidenza marbuta ma’ dan il-każ.
Vella, pjuttost kalm, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, filwaqt li ma talabx għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu l-Avukat Arthur Azzopardi li qed jidher għall-akkużat qal lill-Uffiċjali Prosekuturi biex f’dan id-dawl iġibu quddiem il-Qorti x-xhieda pajżana kemm jista’ jkun malajr.
Vella kien fost l-14-il persuna arrestata l-Ħamis filgħodu waqt tfittxija intensiva mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’garaxx Birkirkara, bħala parti mill-ħidma tal-Iskwadra fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.