Raġel ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid li ismu ma jistax jixxandar, tressaq il-Qorti fuq akkużi li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq persuni taħt l-età.
L-ispettur Sarah Zerafa arrestat lill-ġuvni wara li rċeviet rapport illi fit-8 ta’ Marzu l-imputat ta daqqa ta’ ras lill-vittma waqt ġlieda li seħħet fil-bandli ta’ Ħal-Tarxien.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh u l-avukat difensur Franco Debono talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża fuq diversi kundizzjonijiet. Il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, imponiet garanzija personali ta’ €10,000, wissietu sabiex ma jersaqx lejn il-bandli ta’ Ħal-Tarxien u ordnatlu li jista’ joħroġ biss bejn is-sigħat ta’ wara s-sebgħa ta’ filgħodu u qabel l-għaxra ta’ filgħaxija.