Ġuvni ġie ordnat iħallas iżjed minn $36m wara li ammetta li beda nar enormi li dam xhur jaqbad fl-istat Amerikan ta’ Oregon.
Fis-sentenza tiegħu l-imħallef John Olson ordna wkoll li t-tifel jikteb ittri ta’ apoloġija lil 152 persuna li sfaw maqbuda kawża tan-nirien. In-nar dam jaqbad għal kważi tliet xhur viċin ix-xmara Columbia u qered diversi djar.
L-avukat tat-tifel li għandu ħmistax-il sena qal li l-ammont li t-tifel jrid iħallas huwa wieħed assurd u bla sens.
Fi Frar, it-tifel ammetta li tefa murtal f’Settembru li għadda, bin-nar jaħkem madwar 194 kilometru kwadru u sewa madwar $18m biex jiġi kkontrollat.
It-tifel wieġeb ħati għal tmien kapi t’akkuża li ħaraq propjetà pubblika u privata, żewġ kapi t’akkuża li tefa’ materjal li kien qed jaqbad ġo foresta kif ukoll li pperikola l-ħajja ta’ nies oħra.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li t-tifel għandu jħallas $36,618,330 lil kull min kien milqut minn dan l-inċident, fosthom is-servizz tal-foresti tal-Istati Uniti, id-Dipartiment tat-Trasport tal-istat ta’ Oregon, sid ta’ dar u nies oħra.
Huwa ġie mpoġġi taħt probation għal ħames snin u kif ikoll ġie ordnat li jagħmel 1,920 siegħa xogħol volontarju mas-servizz tal-foresti tal-Istati Uniti.