Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa.
Kien matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tal-kwarta meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post u minn sħarriġ preliminari li sar, irriżulta li kienet seħħet ħabta frontali bejn żewġ vetturi tat-tip Peugeot 207 u Fiat Seicento.
Jidher li s-sewwieq tal-Peugeot, raġel Ingliż ta’ 36 sena, residenti San Pawl il-Baħar, kien qed isuq fid-direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa meta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura, tela’ fuq is-centre strip u spiċċa fuq in-naħa opposta tat-triq bil-konsegwenza li kellu impatt mal-vettura l-oħra.
Is-sewwieq tal-Fiat, raġel Taljan ta’ 29 sena, residenti San Pawl il-Baħar, kien maqbud fil-karozza u għaldaqstant kellhom jissejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex seta’ jinħareġ.
Fuq il-post issejħu żewġ ambulanzi li ħadu lill-vittmi l-Isptar Mater Dei għall-kura neċessarja. Iktar tard, it-Taljan ta’ 29 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji filwaqt li s-sewwieq l-ieħor weġġa’ ħafif.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr J Demicoli LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.