Mal-aħbar xokkanti li JeanPaul Sofia ta’ 20 sena mis-Swatar, instab bla ħajja qalb it-tifrik ta’ binja li ġġarfet is-Sibt filgħodu fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, mijiet ta’ nies sellmu l-memorja tiegħu fuq il-midja soċjali.
Propju fis-sigħat bikrin tal-Ħadd kienu bosta żgħażagħ li f’kitba fuq Facebook qalu li jinsabu maħsuda bl-aħbar tal-mewt traġika ta’ JeanPaul u ddeskrivewh bħala ġuvni ċajtier, dħuli u li kellu qalbu tajba.
Fil-fatt fuq il-post tal-inċident f’Raħal Ġdid kien hemm preżenza ta’ qraba tal-vittma, fosthom ommu u missieru u anke żgħażagħ li kienu jafuh mill-qrib.
Is-sejba tal-ġisem tal-ġuvni seħħet wara operazzjoni ta’ 15-il siegħa.