Fuq il-midja soċjali, bosta persuni sellmu l-memorja taż-żagħżugħ Alejandro Brincat ta’ 25 sena, li ħalla din id-dinja traġikament wara inċident tat-traffiku dan il-lejl f’Ħ’Attard.
Xita ta’ kummenti kellhom kliem ta’ tifħir għal dan iż-żagħżugħ, li bħal sajjetta fil-bnazzi, spiċċa tilef ħajtu f’dan l-ewwel inċident fatali għal din is-sena.
Bosta qalu li jinsabu bla kliem u li huma xxokkjati b’din l-aħbar. Kulħadd iddeskrivew lil Brincat bħala ġuvni b’qalb ta’ deheb u li dejjem kien jara kif se jagħmel biex iferraħ lil ħaddieħor.
Ma naqasx ukoll is-sens ta’ dieqa u xokk fil-kummenti li kitbu sħab Alejandro, li talbuh ukoll biex iżomm idejh fuq qrabatu, speċjalment fuq iż-żewġ uliedu li tant kien iħobb.
Diversi ddeskrivewh bħala persuna li kien jirispetta lil kulħadd, u bħala żagħżugħ twajjeb, kemm waqt il-logħba tal-ballun, kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum.
Ħafna sellmu l-memorja ta’ Brincat, fosthom ukoll il-komunità tal-futbal f’pajjiżna. Dan hekk kif il-ġuvni kellu għal qalbu ħafna l-logħba tal-ballun. Fil-fatt, dan l-istaġun huwa kien qiegħed jilgħab mat-tim ta’ Vittoriosa Stars, tant li l-Ħadd li għadda, huwa lagħab fil-logħba konta Rabat Ajax.
AQRA AKTAR: