Ġuvni ta’ 22 sena, residenti San Ġwann ġie arrestat wara li nstab fil-pussess ta’ madwar mitejn u ħamsin gramma sustanza suspettata kannabis u ammont iżgħar ta’ sustanza suspettata kokalina, lesti sabiex jiġu ttraffikati.
Dan l-arrest sar wara ħidma mill-iskwadra ta’ Kontra d-Droga, flimkien mal-Pulizija mil-Għassa ta’ San Ġiljan li arrestat lill-ġuvni tard il-Ħadd waranofsinhar.
Flimkien mad-droga nstabi miżien elettroniku, diversi boroż tal-plastik u affarijiet oħra li jindikaw pussess aggravat u traffikar ta’ l-imsemmija sustanzi.
Minn fuq il-persuna tiegħu ġiet elevata ukoll is-somma ta’ sitt mitt ewro fi flus kontanti. Huwa ġie arrestat sabiex jgħin lill-Pulizija fl-istħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u mhux eskluż li l-ġuvni jitressaq il-Qorti t-Tlieta filgħodu, akkużat bil-pussess aggravat tad-droga, talli huwa reċidiv u talli saq vettura meta ma kienx kopert b’polza ta’ assigurazzjoni.