Tul din l-amministrazzjoni 366 suldat ingħataw ġustizzja wara li għal bosta snin kienu vittmi ta’ diskriminazzjoni f’post tax-xogħol fejn kienu qed iservu lill-pajjiż.
Dan riżultat tal-fatt li fl-aħħar tliet snin il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta attwa numru ta’ miżuri skont rapporti li saru minn naħa tal-bord tal-inġustizzji tal-forzi tal-armati ta’ Malta.
Fl-aħħar sensiela ta’ inġustizzji investigati kien hemm 209 każ. Hawn irriżulta li 69% tal-każijiet quddiem il-bord, iġifieri 145 każ, huma ġenwini.
Ir-rimedju ta’ dawn l-inġustizzji kien jikkonsisti f’numru ta’ promozzjonijiet li bi dritt ma ngħatawx lil diversi suldati matul amministrazzjoni preċedenti.
Oħrajn ħadu kumpens finanzjarju jew inkella t-taħriġ li kien mċaħad lilhom.
Izda, għalkemm saru dawn il-ġustizzji kollha fadal madwar 120 każ ieħor x’jinstema. Dawn il-każijiet ser ikunu qed jiġu ndirizzati fir-rapport li jmiss.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta nazzjonali, Carmelo Abela, feraħ lil dawk kollha li ħadu dak li ħaqqhom.
Sostna li dan huwa l-mod li dan il-Gvern qed jkompli jippromovi l-meritokrazija. Tant u hekk li fi ħdan l-Forzi tal-Armata ta’ Malta ġiet imnedija sistema ta’ promozzjonijiet trasparenti.
Permezz ta’ din is-sistema l-ġdida suldat irid ikun qed jilħaq numru ta’ punti biex ikun jistgħu jieħdu promozzjoni. B’hekk dan it-tip ta’ punteġġ irnexxielu jegħleb is-suġġettivita li kienet qed tinħoloq fi ħdan l-istess armata.
Fakkar ukoll li l-Gvern ukol daħħal numru ta’ korsijiet ta’ preparazzjoni għal dawk li jkunu ser jibdew grad ġdid. Huwa għalhekk ukoll li s-Soldiers Career Handbook ġie aġġornat mas-sistema tal-punteġġi.