“Ġustizzja iva, abbuż mill-ġustizzja le.” Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru Robert Abela, fil-Parlament, hekk kif beda t-Tieni Qari dwar ir-riforma fl-inkjesti.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern hu impenjat li jimplimenta riforma importanti, li wkoll kienet imwegħda fil-manifest elettorali tiegħu, ‘Malta Flimkien’.
“Biċ-ċar daqs il-kristall li la ħaqqhom jiġu investigati u lanqas ħaqqhom jew wisq inqas ħaqqhom li jinħarġu akkużi ta’ natura kriminali fil-konfront tagħhom, dawk il-persuni jiġu protetti minn min irid jabbuża mill-ġustizzja. Jiġifieri t-tieni punt li jgħaqqad ma’ dak li għadni kif għedt hu li ebda dritt li kull ċittadin f’dan il-pajjiż għandu sal-lum il-ġurnata mhu se jiġi mittiefes.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela sostna li d-dritt li wieħed jiftaħ inkjesta se jibqa’ hemmhekk, iżda l-abbuż se jinqata’. Il-Prim Ministru qal li hi gidba, dawk li qed jgħidu li ma tistax tinfetaħ inkjesta maġisterjali b’din ir-riforma. Innota li bil-liġi li hemm bħalissa, wieħed jista’ jiftaħ fuq għajdut u mhux provi konkreti.
Il-Prim Ministru qal li, permezz ta’ din ir-riforma, se tiddaħħal aktar serjetà u responsabbiltà.
“Daħħalna dan ir-rimedju ġdid li min jiftaħ inkjesta tal-privat, li tkun saret b’mod kattiv, li tkun saret għalxejn u l-maġistrat hekk jiddeċiedi, allura dak li jkun, li jkun ġie aggravat bil-ftuħ ta’ din l-inkjesta, għandu żmien sena u jekk ifittex, il-maġistrat jista’ jikkundanna lil min ikun fetaħ l-inkjesta għall-ispejjeż kollha tal-inkjesta. Jiġifieri jekk l-inkjesta tkun swiet €11-il miljun, dak il-€11-il miljun irid iġorrhom min ikun fetaħ dik l-inkjesta.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru spjega li, b’din ir-riforma, ir-rapport irid jinfetaħ mal-Pulizija. Intqal li, jekk wara sitt xhur persuna ma tkunx sodisfatta b’xogħol il-Pulizija, tista’ tressaq rikors għand imħallef, li jkun jista’ jibgħat għall-Pulizija u jara l-proċess tal-investigazzjoni.
Quddiem l-imħallef irid ikun hemm provi ammissibbli, jiġifieri provi u mhux għajdut u artikli.
Dr Abela semma kif il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija hi l-aqwa li qatt kienet, waqt li r-rata ta’ kriminalità kompliet tonqos, anke s-sena li għaddiet.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Gvern se jressaq abbozz ieħor biex jiġu protetti ħaddiema taċ-Ċivil biex dawn ikomplu għaddejjin b’xogħolhom.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern hu impenjat biex iżid l-effiċjenza fil-Qrati, hekk kif bħalissa hemm sejħa pubblika għal żewġ maġistrati ġodda. Dan wara li, is-sena l-oħra, erba’ maġistrati ġew magħżula biex jieħdu ħsieb l-inkjesti.
Dr Abela temm jgħid li l-Gvern se jaħdem favur ir-rispett u s-sewwa.
“Mhu se nħallu lil ħadd isawwat aktar nies inutilment. Ġustizzja iva, kalunji le. Pajjiżna, Sur President, hu kbir wisq biex inħallu dawn l-inġustizzji li jibqgħu għaddejjin ’il quddiem, għalhekk kburi ħafna b’din in-naħa tal-Kamra li qed tkompli tressaq dawn il-bidliet importanti. Biddilna pajjiż. Kburin ħafna bil-mod kif ħdimna. In-nies jafu li magħna jafu fejn qegħdin. Se naħdmu aktar, naħdmu għal pajjiżna. Għawdex u Malta tagħna. Malta ġusta, għalhekk din il-bidla favur is-sewwa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela