Portugiż ta’ 49 sena qed jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’urġenza akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti.
Ir-raġel, tressaq il-Qorti f’Mejju fuq akkużi ta’ theddid fil-konfront ta’ Rita Gerada. Fil-Qorti ntqal li Paolo Miguel Da Costa Osorio kkawża ukoll ħsara fuq il-bieb tar-residenza tagħha. Ir-raġel kien ingħata l-ħelsien mill-arrest, iżda fit-3 ta’ Ġunju, reġa’ ħebb għall-mara u kkaġunalha feriti f’wiċċha.
Minkejja, li r-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur Rita Gerada u l-membri familjari tagħha filwaqt li l-Maġistrat ordnalu biex ma jersaqx lejn ir-residenza tal-mara, fil-Fgura.
Quddiem il-Maġistrat, l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u l-Qorti ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv.