Is-sigħat tat-Tnejn filgħodu kienu kruċjali għall-investigaturi fil-każ ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hekk kif komplew jiġbru evidenza kruċjali fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-investigaturi użaw dawn is-sigħat sabiex jkomplu jinterrogaw lin-negozjant Yorgen Fenech li l-Ħadd waranofsinhar reġa’ ġie arrestat mill-ġdid, għat-tielet dabra f’ħamest ijiem.
Il-pulizija ilha sentejn sħaħ tinvestiga dan il-każ. Bl-għajnuna tal-FBI u Europol.
B’ħamsin jum wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia l-pulizija arrestat tliet persuni u ġew mixlija bħala l-eżekuturi f’dan il-każ, li għadhom qegħdin jinżammu arrestati fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin.
Iżda l-investigazzjonijiet tal-pulizija intensifikaw matul din il-ġimgħa fejn ġie arrestat Yorgen Fenech. L-unika arrest li għamlet il-pulizija din il-ġimgħa b’rabta ma’ dan l-omiċidju.
Kif jiġri fi proċess normali ta’ investigazzjoni, il-pulizija sejħet numru ta’ persuni fil-kwartieri ġenerali tagħha sabiex tkellimhom għal ftit minuti.
L-investigaturi ewlenin tkellmu ma’ diversi persuni minn kull sfera tas-soċjetà fosthom negozjanti u nies fil-qasam legali, fosthom l-avukat David Gatt.
Il-pulizija kienet ilha żżomm għajnejha fuq dan in-negozjant ewlieni għal numru ta’ ġimgħat.
Saħansitra bħala prekawzjoni l-pulizija kellha kontroll assolut fil-portijiet u fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta biex Yorgen Fenech ma jitlaqx mill-pajjiż.
Bl-Erbgħa kmieni filgħodu l-pulizija raw lil Fenech jitla’ fuq il-jott tiegħu u beda jsalpa ’l barra mill-marina ta’ Portomaso.
Huwa ġie arrestat ftit minuti wara meta l-jott ġie interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-baħar viċin Pembroke, meta allegatament Yorgen Fenech prova joħroġ mill-pajjiż.
Huwa qed jiġi interrogat mill-Kap tal-iskwadra tal-omiċidji u l-investigatur ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-ispettur Keith Arnaud, assistit mill-ispettur Kurt Zahra, b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Yorgen Fenech qed jiġi interrogat ukoll mill-Assistent Kummissarju Ian Abdila dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.