“Ġurnata ta’ emozzjonijiet mħallta għall-ħaddiema kollha….b’uħud minnhom ilhom kważi 40 sena.”
Il-Mellieħa Bay Hotel li tgħodd il-50 sena ser tkun qed tara t-tmiem u t-twaqqigħ tagħha fil-jiem il-ġejja, dan sabiex iċċedi postha għal proġett ferm akbar ta’ hotel b’ħames stilel.
Illum, id-diretturi tal-lukanda li fetħet il-bibien tagħha f’Ottubru tal-1969, sellmu għall-aħħar darba lill-ħadiema kollha, b’uħud minnhom jiftakru t-twelid u l-bidu tal-insdustrija tat-turiżmu.
Iċ-Chairman tal-lukanda, Brian Mizzi qal kif illum hi ġurnata ferm sewda għall-ħaddiema kollha ta’ din il-lukanda, hekk kif ser tintemm 50 sena ta’ relazzjoni bejnhom u l-klijenti.
Mizzi qal kif 40 ħaddiem kienu ilhom iservu b’tant dedikazzjoni f’din il-lukanda għal aktar minn 20 sena.
Il-lukanda ser tkun qed titwaqqa’ sabiex flokha tinbena lukanda ferm aktar moderna adattata għal dawn iż-żminijiet.
Il-ħaddiem kollha tal-Mellieħa Bay Hotel kienu infurmati bl-għeluq tal-lukanda f’Diċembru li għadda, filwaqt li d-diretturi ħadmu id f’id magħhom biex isibu xogħol alternattiv.