It-Tlieta kienet ġurnata memorabbli għall-isport Malti.
Dan intqal mill-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu.
Huwa kien qed jirreaġixxi għar-riżultati pożittivi li kiseb Team Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li qed isir hawn Malta.
DIt-Tlieta, l-atleti Maltin rebħu b’kollox 24 midalja, fosthom disgħa tad-deheb.
“Ġurnata indimentikabbli li kellna lbieraħ. Kważi kważi, l-innu nazzjonali ta’ pajjiżna ndaqq fi tliet postijiet differenti fl-istess ħin, kemm fl-isquash, kemm fil-ġudo, u kemm fl-atletika. Fl-atletika kellna ġurnata oħra meraviljuza. Il-kompetizzjonijiet l-oħrajn li ma ngħatawx il-medalji, bħat-table tennis u anki t-tennis, kellhom ukoll riżultati pożittivi, kif ukoll kellna fl-ibburdjar. Allura kienet ġurnata li tibqa’ mfakkra fl-isport Malti.”
Mark Cutajar faħħar lill-membri tal-kontingent Malti għar-riżultati li kisbu u li jridu jiksbu fil-jiem li ġejjin tul dan il-logħob, li jibqa’ għaddej sas-Sibt.
Huwa semma l-ftuħ ta’ dan il-Logħob, li sar nhar it-Tnejn li għadda fuq il-Fosos ,u qal li dan intlaqa’ tajjeb ukoll mill-mistiednin distinti li kienu preżenti f’pajjiżna.
Mark Cutajar semma wkoll li s-Sibt li ġej se jsir l-għeluq ta’ dan il-Logħob. Preżenti se jkun hemm ukoll il-Prim Ministru tal-Andorra. Dan hekk kif l-edizzjoni li jmiss, li se ssir sentejn oħra, se jsiru fl-Andorra.
Intant, it-Tlieta filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela mar il-Marsa Sports Club fejn ippreżenta l-midalji lil tliet atleti nisa li kkompetew fl-isquash.