Kollox jinsab lest biex il-Ħadd tnax ta’ Marzu, il-Partit Laburista jtella’ l-attività Niltaqgħu fil-Park.
Fil-Ġnien ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar, iltqajna mas-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, William Lewis.
Hu spjegalna li l-attività ta’ dan il-Ħadd se tieħu xejra differenti mill-attivitajiet politiċi tas-soltu.
Fil-fatt l-attività se ssir fi spazju miftuħ u se jkun hemm diversi attivitajiet għall-familja kollha.
Qal, “Għandna diversi attivitajiet għall-famija kollha iġifieri lil dawk kollha li qed isegwuna biex jiġu bil-familja kollha, l-annimali tagħhom, hawnhekk hawn ukoll fejn jiġru u fejn jilagħbu, ħa jkollna logħob għal kulħadd nistgħu ngħidu. Għandna l-logħob għat-tfal, ħa jkollna logħob tradizzjonali Malti, ħa jkollna ż-Zumba, it-tombla, ħa jkollna wkoll stores bl-artiġġjanat Malti fejn in-nies ikunu jistgħu jixtru dawn l-artiġġjanat u ovvjament ma jonqosx l-ikel u x-xorb tradizzjonali Malti biex ngħaqdu l-ġurnata flimkien.”
Il-Ġnien ta’ San Klement riċentament ġie estiż b’elfejn metru kwadru u fih tħawlu ’l fuq minn mitejn u ħamsin siġra u arbuxell.
Il-Partit Laburista għażel lil din il-ġawhra fin-Nofsinhar tal-pajjiż biex hemmhekk jorganizza diversi attivitajiet ta’ ħin ta’ kwalità lil dawk kollha li se jattendu f’dan l-ispazju miftuħ u adattat għall-familja kollha.
Qal, “Ħassejna illi aħna l-ispazji illi qed jiġu kreati bis-saħħa ta’ Project Green u anki dawn li qed jiġu proposti, nuru dawn l-ispazji mhux qed isiru biex ngħidu li għamilna proġett u lestejna proġett ieħor imma nuru kif dawn il-proġetti jistgħu jiġu mgawdija.”
L-attività se tibda għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu u se jattendi l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.