Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima, żar uħud mill-iskejjel kif ukoll il-Pixxina Nazzjonali fejn hemm iltaqa’ ma’ diversi studenti t’etajiet differenti li kienu qed jagħmlu attivitajiet sportivi differenti.
Huwa qal li din l-attività hija pożittiva għaliex toffri għadd ta’ benefiċċji.
Is-Segretarju Parlamentari Grima stqarr “Attività fiżika li tgħin tħossok aħjar, attività fiżika illi tgħinek fiżikament tkun aħjar u dan naħseb li huwa pass ‘il quddiem sabiex ngħinu lit-tfal tagħna sabiex jitħajru jersqu lejn l-isport b’mod regolari u dan jgħina anke f’dak li hija l-viżjoni tagħna għall-isport ġewwa pajjiżna”.
Intant ONE News tkellem ma’ studenti li llum minflok kienu bilqegħda quddiem il-bank tal-iskola, kienu parteċipi f’attivitajiet sportivi fosthom l-għawm.
Fost l-istudenti spikka l-entużjażmu u r-rieda għal aktar attivitajiet ta’ dan it-tip.
Wieħed mill-istudenti qal li “L-aktar sports favurit tiegħi huwa l-futbol, imma llum ħadt ġurnata tajba, aħjar milli skola ovvja, u nixtieq nerġgħu nagħmluha s-sena d-dieħla.”
Student ieħor sostna li “Ineħħilek moħħok mill-iskola u jgħinek ħafna inġenerali.”
Student ieħor qal: “L-isports għalija jfisser biex tnaqqas il-kilos, tieħu pjaċir u mhux dejjem tirbaħ u titlef.”
Il-fatt illi din l-attività tiġi fl-ewwel ġimgħa li tibda l-iskola tgħin ukoll biex jinħoloq spirtu ta’ iktar għaqda bejn l-istudenti u l-għalliema filwaqt li tħajjarhom biex ikunu aktar attivi.