Ġurnalista Palestinjana Amerikana nqatlet waqt li kienet qed tirrapporta għall-aġenzija tal-aħbarijiet Al Jazeera, dwar rejd mill-forzi Iżraeljani fil-belt ta’ Jenin.
Ingħad li Sherine Abu Aqla, ta’ wieħed u ħamsin sena, mietet “deliberatament” b’tiri mit-truppi Iżraeljani.
Kollega produttur li kien magħha, ukoll ġarrab xi ġrieħi meta ntlaqat minn xi tiri.
Il-Prim Ministru Iżraeljan qal li x’aktarx, it-tiri ġew sparati minn irġiel Palestinjani armati.
Dan il-każ seħħ fost żieda fil-vjolenza bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.
Il-President tal-Palestina żamm lill-Gvern tal-Iżrael responsabbli għal dan id-delitt.