Ġurnalista fi stazzjon tar-radju Ukren inqatlet f’wieħed mill-attakki b’missili li saru fil-kapitali Ukrena, Kiev.
Vira Hyrych mietet minħabba li waħda mill-missili waqgħet fuq darha u kienet deskritta bħala mara professjonali f’xogħolha, intelliġenti u qalbha tajba.
Dawn l-attakki saru waqt iż-żjara li kien qed jagħmel is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi Kiev, li matulha kkritika lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-organizzazzjoni tiegħu stess.
Antonio Guterres qal li l-Kunsill falla milli jipprevjeni l-gwerra fl-Ukrajna u naqas milli jagħmel kwalunkwe ħaġa li huwa fil-poter li jagħmel biex jintervjenti biex itemm din il-gwerra.
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda huwa magħmul minn ħmistax-il membru u għandu għan speċifiku: li jassigura paċi u sigurtà globali. Iżda fl-aħħar ġimgħat affaċċja kritika qawwija, inkluż mill-Gvern Ukren, talli ma ħa l-ebda passi mindu bdiet l-invażjoni Russa fi Frar.
F’indirizz lill-midja flimkien mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, Guteress qal li mhux se jaqta’ qalbu u għalkemm ikkiritika lin-Nazzjonijiet Magħquda, faħħarhom tal-għajnuna li taw fejn jidħol ikel, ilma u flus u wiegħed li qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jgħinu.