Raphael Vassallo, ġurnalist tal-Maltatoday, spiċċa jibża’ għal ħajtu wara insinwazzjoni ta’ Manuel Delia.
Fil-Qorti, Vassallo ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet li għamel fil-konfront tiegħu, l-ex chief of staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia.
F’libell li fetaħ Vassallo kontra Delia, il-ġurnalist tal-Maltatoday ċaħad bil-qawwi l-allegazzjoni ta’ Delia li qal li kien kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Viżibbilment emozzjonat, Vassallo qal, “Dan Delia jkellem il-miġemgħa u kont imħasseb fuq xi attakki ta’ tpattija li setgħu saru fuqi min-nies li setgħu rabtuni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia”.
F’kitba li tella’ fuq il-blog tiegħu f’Ottubru li għadda, Manuel Delia allega li l-ġurnalist tal-Malta Today huwa parti minn kumplott li qatel lil Daphne Caruana Galizia.
Iżda quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Raphael Vassallo xejjen għalkollox din l-allegazzjoni u qal li dak li qal Manuel Delia huwa kollu gideb.
“Dak li kiteb huwa kollu falz. Litteralment ivvinta fuqi u poġġa kliem f’ħalqi”, saħaq b’ċertu qawwa Raphael Vassallo li qal ukoll li l-blogger tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għamel allegazzjoni serja dwaru.
Intant Raphael Vassallo qal li hu qatt ma rċieva ħlas mill-Gvern. Dan għall-kuntrarju ta’ Delia li kien jirċievi salarju mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.
Dak iż-żmien Delia kien l-id il-leminija ta’ Austin Gatt u kien responsabbli fost oħrajn mir-riforma tal-karozzi tal-linja li wasslet għad-diżastru tal-Arriva.