Ġurnalist Olandiż li avviċina lil Alfred Sant fi Brussell dwar l-investiment ta’ Crane Currency f’Malta urieh email bil-Malti b’theddid li kienet intbagħet lil Daphne Caruana Galizia wara s-sena 2015. Din l-email żgur ma kinitx fil-laptop ta’ Caruana Galizia li hemm depożitat fil-Qorti. Kif ġiet għand il-ġurnalist din l-email? Staqsa Alfred Sant waqt dibattitu ma’ David Casa f’Xarabank il-bieraħ filgħaxija.
Alfred Sant qal li l-klikka ta’ Simon Busuttil qed thedded l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżna bl-istrateġija tagħhom li jpinġu lil Malta bħala stat mafjuż, gvern korrott u li m’għandux rispett lejn is-saltna tad-dritt. Din l-istess klikka qed titma’ lil ġurnalisti barranin b’informazzjoni li tpoġġi lill-Maltin u l-Għawdxin f’dawl ikrah.
Il-komportament anti-patrijottiku tal-klikka ta’ Busuttil huwa perikoluż għax qed ipinġi lill-Maltin u l-Għawdxin kollha bħala korrotti u vjolenti u qed jagħti din ir-reputazzjoni lil Malta.
Dr Sant qal li b’hekk qed ikunu affettwati ħażin oqsma ekonomiċi bħal dawk tas-servizzi finanzjarji u tal-imħatri bl-internet. Effett ieħor hu li qed tiżdied il-pressjoni kontra Malta u pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea li jridu jissalvagwardjaw is-sovranità tagħhom fl-issettjar tat-taxxi.