Klieb tal-kaċċa ta’ Malta, English Setters u German Pointers.
Dawn huma biss uħud mir-razez ta’ klieb li nġabru fil-Mellieħa flimkien mas-sidien tagħhom għall-attività mtella’ mill-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK sabiex jiġu assessjati minn ġurija internazzjonali fl-abbiltajiet tagħhom fil-kaċċa.
Kienu ħamsa u tletin kelb u parteċipant li daħlu għall-isfida wara xhur ta’ preparamenti għal sessjoni ta’ kwarta biss.
Il-ġudikant Taljan Massimo Torelli li ilu jattendi din l-attività f’Malta għal ħames snin, kellimna dwar il-prestazzjoni tal-klieb.
Qal, “Mill-ewwel sena sal-lum, wara ħames snin, nista’ ngħid li tjiebu ħafna kemm il-klieb kif ukoll il-kaċċaturi. Huma ferm iżjed ekoloġiċi l-kaċċaturi, aktar attenti bl-arma u qed iħarrġu tassew il-klieb biex ikunu jistgħu joħduhom għall-kaċċa b’mod adegwat.”
Din l-attività mtella’ mill-FKNK ilha tittella’ għal numru ta’ snin u peress li sseħħ waqt li l-istaġun tal-kaċċa jkun magħluq, din l-attività kellha tiġi addattata mal-liġi li nbidlet madwar erba’ snin ilu.
Il-President ta’ din l-għaqda Lucas Micallef spjegalna li waqt din l-attività, ikun hemm min qas biss jispara l-arma tiegħu lejn tajr iżda jkun imrobbi dilettant b’mod partikolari għal din l-attività, għaliex il-lenti tkun fuq l-atteġġjament tal-kelb.
Micallef qal li l-ġudikant iħares lejn ir-relazzjoni ta’ dixxiplina u etika bejn il-kaċċatur u l-kelb.
Qal, “Bħala FKNK nemmnu ħafna fl-etika u dixxiplina kemm bħala kaċċatur, il-membru l-kelb. Biss qed naraw ukoll dawn il-ġurija li għandhom fama internazzjonali fejn ħa jgħinu wkoll lill-parteċipanti fil-futur ikunu jistgħu jagħmlu tista’ tgħid, sessjonijiet ta’ taħriġ biex il-klieb ikunu dejjem aħjar u nispera wkoll li fil-futur qarib ukoll ikollna parteċipanti fil-kontinent Ewropew.”