Fil-bidu tal-ġuri tal-Eġizzjan mixli b’attentat ta’ importazzjoni ta’ droga, il-Prosekuzzjoni ppreżentat l-każ fejn spjegat li l-każ imur lura fil-11 ta’ Jannar tal-2010 meta Adrian Farrugia, li jiġi ħu Tano Farrugia, irrapporta lill-Pulizija Maltija li ħuh kien arrestat it-Tuneżija fuq sejba ta’ droga fil-lukanda fejn kien qiegħed joqgħod.
Il-Pulizija spjegat li Tano Farrugia kien ċempel lil ħuh u waqt li qallu li l-Pulizija Tuneżina riedet li hu jagħmel kuntatt mal-persuna li bagħtitu t-Tuneżija.
Tano Farrugia, li huwa eks plejer ta’ Msida St Joseph, talab lil ħuh biex imur fi klabb tal-boċċi biex jiltaqa’ ma ċertu Ahmed.
Tano Farrugia għamel hekk, imma meta mar ikellem lil Ahmed, li ġie ddentifikat bħala l-akkużat, ma riedx ikellmu u xħin issuspetta li xi ħaġa marret ħażin sabbat il-mobile mal-art.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li wara li ġie identifikat l-akkużat, il-Pulizija Maltija arrestat lill-Eġizzjan.
Huma xehdu li waqt ir-rejd fid-dar tiegħu nstabu rċevuti ta’ trasferimenti ta’ flus barra minn Malta permezz tal-Western Union.
Il-Prosekuzzjoni xehdet ukoll li l-Pulizija Tuneżina sabet irċevuti li juru kif il-persuna li għaddiet id-droga lil Tano Farrugia tħallset mingħand l-akkużat permezz ta’ trasferiment ta’ flus.
Skont il-Prosekuzzjoni għas-sehem tiegħu fil-pjan, Tano Farrugia kellu jitħallas €15,000.
Il-ġuri mistenni li jkompli fis-2.30pm fejn se jibdew jitressqu x-xhieda.