Il-ġurati fil-ġuri ta’ Jesmond Vella magħruf aħjar bħala ‘il-Bulgaru’ sabu lill-imputat ħati hekk kif irritornaw b’verdett ta’ sitta kontra tlieta.
Il-Bulgaru għadda ġuri wara li kien mixli b’pussess aggravat tar-raża tal-kannabis lura f’Ġunju tal-2008.
Fil-fatt, huwa kien instab bi ftit inqas minn ħames kilogrammi tad-droga li lura fl-2008 kellha valur fis-suq ta’ aktar minn tletin elf ewro.
Il-ġurati rritornaw lura bil-verdett tagħhom ta’ ħati, il-Ħamis għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija. Dan wara li kienu ilhom jiddeliberaw mill-Ħamis waranofsinhar.
L-akkużat baqa’ jinżamm arrestat hekk kif issa qed jistenna s-sentenza mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li ppresediet fuq il-ġuri.
L-imputat kien qed jiġi sorveljat mill-Pulizija wara li kien suspettat b’attività illegali b’rabta mad-droga. Huma kien qed jissorveljaw garage fi Triq in-Naġġar fil-Mosta, li kien sikwit iffrekwentat mis-suspettat.
Wara li fittxew fil-post u ma nstab xejn, il-Pulizija ffukaw it-tfittxija tagħhom fi trakk tal-għamla Bedford li kien jinsab viċin il-garage fejn hemm instabu għoxrin blokka ta’ reżina tal-kannabis li kienu jiżnu b’kollox kważi ħames kilogrammi.
Is-sustanza aktar tard ġie kkonfermat li kellha purita ta’ 8.2% filwaqt li kellu valur fis-suq ta’ ftit inqas minn €31,000.
Sussegwentament l-imputat kien ġie mixli bl-akkużi.
Fil-ġuri xehed is-sid tat-trakk, Ġanni Xuereb li kien iħaddem lill-Bulgaru u sostna li ħafna persuni mhux magħrufa kienu jarmu fil-kaxxa tal-vann. Dan filwaqt li ċċara li filwaqt li t-trakk kien irreġistrat f’ismu, kien biss Vella li jsuqu għaliex kien isibu goff.
L-Avukati Kevin Valletta u Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ipprosekwixxew.