Joseph Scicluna li qed ikun akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Mark Farrugia u li bħalissa, b’rabta ma’ dan l-istess każ jinsab għaddej minn ġuri, sostna li huwa spara lil Farrugia sabiex jiddefendi lilu.
Il-każ seħħ lura fl-2018 u Scicluna qed ikun akkużat ukoll li kkawża ġrieħi gravi, li kien f’pussess ta’ arma waqt li sar ir-reat u li ma kellux permess tal-Pulizija għal tali arma.
Wara li sar l-aċċess fuq il-post fejn sar ir-reat anke l-Ħamis filgħodu, kien imiss li Scicluna jixhed fil-Qorti.
Huwa spjega kif dakinhar tkellem mal-vittma waqt li ltaqa’ miegħu hu u miexi lejn l-għalqa u avżah biex joqgħod attent fejn jispara għaliex kien qed jagħmel ħsara l-pajpijiet tal-ilma tiegħu. Wara li ddiskutew suġġetti oħrajn u l-imputat ġie biex jitlaq huwa mill-ġdid fakkru biex joqgħod attent fejn jispara u kien hemm li Farrgia beda jgħajjat u saħansitra beda jipponta s-senter tal-kaċċa tiegħu lejh.
Hemm Scicluna spjega li ta taqqa lil Farrugia b’marloġġ, bil-vittma jirritalja u jtih daqqa ta’ ponn f’għajnejn. Dak il-ħin Scicluna waqa’ mal-art maġenb is-senter ta’ Farrugia u anke hemm spjega li l-vittma kien qed jipprova jirbaħ l-arma tiegħu lura.
Madankollu Scicluna sparaha lejn il-vittma li telaq jiġri lejn missieru.
Min hemm l-imputat spjega li mar lura d-dar u qal lil martu b’dak li para sakemm ftit wara rċieva telefonata mill-għassa tar-Rabat sabiex jiġi interrogat.
Huwa spjega li waqt l-interrogazzjoni qal li ma kienx fuq is-sit li seħħ ir-reat fuq suġġeriment tal-avukat li kellu madankollu qabel temm ix-xhieda tiegħu sostna li meta tkellem ma’ Avukat ieħor, jiġifieri Arthur Azzopardi, dan qallu biex jgħid il-verità.
Fuq din id-dikjarazzjoni, il-Prosekuzzjoni talbet li sabiex l-Avukat li kellu Scicluna, jittella’ jixhed sabiex iwieġeb għad-dikjarazzjonijiet tal-imputat. L-Imħallef Conseulo Scerri Herrera ma laqgħetx din it-talba abbażi tas-sigriet professjonali.