Illum fil-Qorti ssokkta l-ġuri ta’ Brandon Pace magħruf bħala ‘Il-Galalli, fejn fost oħrajn xehdet omm il-vittma, Lisa Pace.
Żewġ akkużati, Joseph Grech ta’ 61 sena u ibnu Kurt ta’ 31 sena magħruf bħala “in-Nemes” minn Tal-Pietà, jinsabu akkużati li fit-2 ta’ April tal-2017 qatlu lil Brandon Pace, magħruf bħala “Il-Galalli”.
Omm Pace rrakkontat li l-argumenti li kellha l-eks tfajla ta’ binha ma’ omm Kurt Grech fuq il-mowbajl kienu mimlijin għajjat u tgħajjir. Kompliet tgħid li semgħet xi ħsejjes fuq barra u meta ħarġet mill-gallarija biex tittawwal, meta rat żewġ karozzi pparkjati fin-nofs u lil Kurt, missieru Joseph u ommu Anna Maria.
Hija spjegat li l-familja Grech bdiet tinstiga lix-xhud u lil Jessica għal ġlied, waqt li bdew jgħajjruha bi kliem iebes, minħabba li għal xi żmien ix-xhud kienet tagħmel użu mid-droga.
Fix-xhieda, Pace qalet li Kurt kellu żewġt iskieken f’idu però f’id Joseph, missieru ma rat xejn. Kompliet tgħid li l-missier imbutaħa u f’daqqa waħda rat lil Brandon ħiereġ mill-bieb tal-komun tal-blokka b’sikkina f’idejh. Ix-xhud rrakkontat li fil-pront tfaċċat bintha Donna, b’din tispiċċa mal-art għaliex provat twaqqaf lil ħuha Brandon.
Ix-xhud kompliet tgħid li Joseph u Kurt marru fuq binha u rat ammont kbir ta’ demm mal-art. Hija żiedet li x’aktarx binha xejjer xi daqqiet ta’ sikkina wkoll.
Kompliet tispjega li meta binha qam, ma felaħx jimxi u straħ mal-ħajt. Qalet li hi rat lil Joseph, idaħħal is-sikkina f’dahar il-vittma u ratu jaqa’ mal-art.
Hawnhekk viżibilment emozzjonata, l-omm qalet: “qtiltuhuli, qtiltuhuli.” Kompliet tgħid li missier Kurt weġibha “ħallih immut.”
Irrakkontat kif Brandon ħares lejha u lejn Jessica, u qal “inħobbok”.
Fil-Qorti, id-difiża talbet lill-Qorti biex tissospendi x-xhieda tal-omm. Dan hekk kif skont ix-xhud qegħda taħt l-effett tad-droga.
Bil-Prosekuzzjoni qalet li l-istrateġija tad-difiża m’hi xejn ħlief li jipprovaw iħammġu lix-xhud bil-passat tagħha.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dan filwaqt li l-akkużati qed jiddefenduhom l-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima, filwaqt li l-Avukati Ishmael Psaila u Rachel Tua qed jidhru għall-familja tal-vittma.