L-Imħallef Aaron Bugeja kkundanna lil Michael Emmanuel għomru l-ħabs.
Dan wara li fil-ġuri, Michael Emmanuel ta’ 33 sena mill-Kosta tal-Avorju, instab ħati li qatel lis-sieħba tiegħu, Maria Lourdes Agius, bi tmien voti kontra wieħed.
Michael Emmanuel instab ħati li nhar il-15 ta’ Settembru tal-2018, huwa qatel lill-vittma, li dak iż-żmien kellha 35 sena, fid-dar li kienu jgħixu fiha f’Raħal Ġdid.
Mill-ġuri, li kien ilu għaddej ġimgħa, ħareġ li Maria Lourdes Agius, omm ta’ sebat itfal, instabet mejta fil-kamra tas-sodda u fl-awtopsja ħareġ li hija mietet fgata.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-ġuri tmexxiet mill-Avukati Francesa Spiteri u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, waqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace deher għall-akkużat.