Lawrence Abina, ta’ 32 sena, mill-Ghana, instab ħati b’vot unanimu mill-ġurati u spiċċa jingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs. Id-disa’ ġurati damu madwar erba’ sigħat l-Erbgħa biex jiddelibraw id-deċiżjoni tagħhom fil-ġuri li beda ħamest ijiem ilu.
Abina kien mixli li qatel lill-eks sieħba tiegħu, Rita Ellul ta’ 49 sena u omm ta’ tlieta, f’appartament f’Għajnsielem, Għawdex, fi Frar tal-2022. Mill-awtopsja kien irriżulta li hi mietet fgata.
L-akkużat kien wieġeb mhux ħati, iżda l-Prosekuzzjoni kienet qalet fil-Qorti kif hu kien ammetta fi tliet okkażjonijiet differenti li qatel lill-mara.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif, minkejja li hu kien ta verżjoni differenti ta’ kif seħħ l-omiċidju, il-verżjoni tiegħu nbidlet u baqgħet konsistenti meta ffaċċjat bil-provi ta’ kif fgaha b’idejh stess.
Qabel l-omiċidju, kien hemm diversi okkażjonijiet fejn Abina kien vjolenti ma’ Ellul u hi kienet diġà rrapportatu darbtejn lill-Pulizija.
Il-ġimgħa l-oħra, spettur, li kien interroga lil Abina, qal lill-ġurati li, wara li ċaħad kull akkuża ta’ vjolenza, Abina kien ammetta li qatel lil Ellul u qal li jiddispjaċih u li jixtieq maħfra.
Abina kien qal lill-Pulizija li hu beża’ li hi kellha raġel ieħor, bl-isem ta’ Stefan, li wara rriżulta li kien karattru fittizju li ħolqot Ellul stess biex jibda jagħtiha aktar attenzjoni.
Fil-Qorti nstema’ kif il-koppja sikwit kien ikollhom xi jgħidu, hekk kif hu kien imur ma’ nisa oħrajn u saħansitra ma’ prostituti.
Abina qal lill-Pulizija li kien ried jieqaf jifga lill-vittma, iżda beża’ li jmur il-ħabs jekk tibqa’ ħajja u tmur tirrapportah. Ironikament spiċċa kkundannat għal għomru fis-sentenza li ngħatat l-Erbgħa waranofsinhar mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras.
Fis-sentenza, l-Imħallef ukoll ordnat lill-akkużat iħallas is-somma ta’ aktar minn sittax-il elf ewro fi żmien għoxrin xahar.