Fl-awla ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi daħal fl-aħħar stadju tiegħu l-ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Vittorio Cassone.
Cassone kien inqatel kiesaħ u biered waqt serqa 23 sena ilu u isem l-akkużat ma jistax jixxandar għaliex allegatament meta seħħ il-qtil huwa kien għadu tifel.
It-Tnejn kien imiss id-difiża li tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha li permezz tal-avukat Franco Debono ġie argumentat li l-Prosekuzzjoni ressqet xhieda li ma taqbilx ma’ dak li kien intqal orġinarjament lil pulizija.
Fi kliem id-difiża, il-ġurati għandhom triq faċli sabiex joħorġu bil-verdett ta’ mhux ħati għaliex skont l-avukat Debono, ix-xhieda urew inkonsistenza u baqgħu qatt ma għarfu b’ċertezza min kien li daħal jisraq mill-istabbiliment ta’ Cassone u sparalu.
L-avukat difensur sostna li l-każ irid jinbena fuq provi u l-Proskezzjoni naqqset li tipprova li l-qtil li seħħ huwa marbut mal-akkużat.
Id-difiża mistennija tkompli bis-sottomissjoni tagħha.
Imbagħad tkun il-Prosekuzzjoni li tgħid tagħha, qabel mal-Imħallef jindirizza lil ġurati li mbagħad jidħlu jiddeliberaw.