Dalgħodu kompla l-ġuri ta’ Habesh Ismael u Mahouaci Faical, li huma mixlija bil-qtil ta’ Sion Grech 18-il sena ilu fil-Marsa.
Il-vittma, mis-Siġġiewi, kellha 20 sena u nstabet mejta f’għalqa fil-Marsa fl-2005
L-ewwel xhud tal-ġurnata kienet Jacqueline Rapinett, li dakinhar tal-qtil kienet qed titlajja fit-triq tistenna l-klijenti, u kienet viċin ix-xena tar-reat.
Hija stqarret li waqt li kienet qed tistenna, semgħet twerżiq, u anke rat liż-żewġ imputati jagħtu daqqiet lill-vittma.
Rapinett stqarret li rat lir-raġel li kien ma’ Ismael joħroġ sikkina u jagħti d-daqqiet biha. Kien hawn li skont ix-xhud, waslilha klijent u “marret taqdih malajr”, u kif waslet lura minn miegħu kellimha wieħed mill-imputati, u qalilha li jekk hi titkellem jagħmlulha bħal m’għamlu lill-vittma.
Stqarret li wara dakinhar għamlet xi żmien f’Mount Carmel, u bil-pirmli li ħadet nesiet ċertu affarjiet.
Ix-xhud stqarret li kienet taf lil Ismael għax kien ikun ma’ Sion, iżda meta ġiet mistoqsija kemm kienet tarahom flimkien, hija wieġbet li ma tiftakarx.
Rapinett spjegat li wara dakinhar tal-qtil għamlet xi żmien ukoll fil-ħabs, u darba minnhom ried jitkellem magħha Spettur. Kien hawn li hija semgħet li Sion instabet mejta u li l-Pulizija kellhom provi li x-xhud rat kollox, u meta qalulha biex tgħid il-veritá, hija aċċettat.
Hawn instema’ wkoll li l-Pulizija kienu rċevew ittra anonima li qaltilhom li Rapinett rat il-qtil iseħħ quddiem għajnejha.
Mal-ħin kien imiss il-kontroeżami ta’ Rapinett mill-avukat ta’ Habesh, Ishmael Psaila, u hawn id-difiża bdiet tistaqsi lix-xhud dwar fejn kienet eżattament dakinhar tad-delitt. Kien hawn li qalet li dak iż-żmien kienet tagħmel użu ta’ droga b’mod regolari, u allura ma tiftakarx numru ta’ dettalji.
Fil-fatt, meta ġiet mistoqsija d-domandi mill-ġurati, hija ma kinitx kapaċi twieġeb ċertu mistoqsijiet, fosthom jekk għaddietx minn moħħha li titkellem mal-Pulizija dwar dak li rat, u ammettiet li dak iż-żmien, lanqas kienet taf li qed tgħix.
Wara, xehdet persuna li isimha ma jistax jixxandar, liema persuna kienet ħabiba tal-vittma, hekk kif it-tnejn li huma kienu prostituti.
Hija stqarret li Sion kienet fetħet qalbha magħha dwar inkwiet ma xi ħadd barrani, u wara dakinhar, qatt ma reġgħet ratha.
Hawn ġiet innutata diskrepanza fid-dettalji li kienet tat fix-xhieda tagħha lura fl-elfejn u ħamsa, u meta ġiet mistoqsija fuqu, qalet li ma tiftakarx.
Hija nnutat kif Sion kienet tgħid li hija kienet qiegħda ma Ismael, iżda stqarret li minn dak li kienet tara b’għajnejha, dawn it-tnejn ma kinux jidru li qiegħdin flimkien.
Xehed ukoll Andrew St John li kien surġent fis-CID, li ddeskriva x-xena li ra meta nstab il-katavru tal-vittma, liema katavru kien fi stat ta’ dekompożizzjoni, tant li meta resqu lejh, ħarġu l-ġrieden minn taħtu.
Fl-erbgħa u nofs il-ġurati, flimkien max-xhieda, l-imputati u l-avukati tagħhom, l-Imħallef Aaron Bugeja u l-Parte Civile marru l-Marsa fejn sar l-aċċess fil-post fejn kien instab il-katavru ta’ Grech.